eu-charter

Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

Artikolu 34 - Sigurtà soċjali u assistenza soċjali

Artikolu 34 - Sigurtà soċjali u assistenza soċjali

1. L-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt għal benefiċċji ta' sigurtà soċjali u servizzi soċjali li jipprovdu protezzjoni f'każijiet bħal ma huma l-maternità, il-mard, l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol, id-dipendenza jew l-anzjanità, u fil-każ ta' telf tax-xogħol, skond ir-regoli stabbiliti mil-liġi ta' l-Unjoni u mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.
2. Kull min jirrisjedi u jmur minn post għal ieħor legalment fl-Unjoni Ewropea hu intitolat għall-benefiċċji ta' sigurtà soċjali u l-vantaġġi soċjali, skond il-liġi ta' l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.
3. Sabiex jiġu miġġielda l-esklużjoni soċjali u l-faqar, l-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt għal għajnuna soċjali u għal għajnuna għall-akkomodazzjoni sabiex tiżgura l-eżistenza dinjituża għal dawk kollha li huma neqsin minn riżorsi suffiċjenti, skond ir-regoli stabbiliti mil-liġi ta' l-Unjoni u mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.

  • Text:

    Il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 34(1) huwa bbażat fuq l-Artikoli 153 u 156 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea u fuq l-Artikolu 12 tal-Karta Soċjali Ewropea u l-punt 10 tal-Karta Komunitarja dwar id-drittijiet tal-ħaddiema. L-Unjoni għandha tirrispettah meta teżerċita l-kompetenzi mogħtija lilha permezz ta' l-Artikoli 153 u 156 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea. Ir-referenza għas-servizzi soċjali tirrigwarda każijiet li fihom dawn is-servizzi ġew introdotti sabiex jiggarantixxu ċerti benefiċċji, iżda ma timplikax li dawn is-servizzi għandhom jinħolqu fejn dawn ma jeżistux. Il-kelma `maternità` għandha tinftiehem bl-istess tifsira li għandha fl-Artikolu preċedenti.
    It-tieni paragrafu huwa bbażat fuq l-Artikoli 12(4) u 13(4) tal-Karta Soċjali Ewropea u fuq il-punt 2 tal-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema u jirrifletti r-regoli li ġejjin mir-Regolament (KEE) Nru. 1408/71 u r-Regolament (KEE) Nru. 1612/68.

    It-tielet paragrafu huwa ispirat mill-Artikolu 13 tal-Karta Soċjali Ewropea u mill-Artikoli 30 u 31 tal-Karta Soċjali riveduta u mill-punt 10 tal-Karta Komunitarja. Dan għandu jiġi rrispettat mill-Unjoni fil-kuntest ta' kull politika ibbażata fuq l-Artikolu 153 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea.

    Source:
    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea C 303/17 - 14.12.2007
    Preamble - Explanations relating to the Charter of Fundamental Rights:
    Dawn l-ispjegazzjonijiet ġew imħejjija oriġinarjament taħt ir-responsabbiltà tal-Praesidium tal-Konvenzjoni li abbozza l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea. Huma ġew aġġornati taħt ir-responsabbiltà tal-Praesidium tal-Konvenzjoni Ewropea, fid-dawl ta' l-aġġustamenti li saru għat-test tal-Karta minn dik il-Konvenzjoni (partikolarment fl-Artikoli (51 U 52) u ta' l-evoluzzjoni fil-liġi ta' l-Unjoni. Għalkemm dawn l-ispjegazzjonijiet m'għandhomx fihom infushom l-istatus ta' liġi, huma mezz siewi ta' interpretazzjoni intiż sabiex ikunu ċċarati d-dispożizzjonijiet tal-Karta.

0 results found

0 results found

0 results found

0 results found