Criminal Code, Cap. 9 of the Laws of Malta

Body: 

54Ċ. (1) Isir delitt kontra l-umanità meta jitwettaq xi att minn dawn li ġejjin bħala parti minn attakk, mifrux jew sistematiku, dirett kontra xi popolazzjoni ċivili, b’għarfien tal-attakk: (a) omiċidju; (b) esterminazzjoni; (ċ) tjassir; (d) deportazzjoni jew trasferiment ta’ popolazzjoni bilforza; (e) priġunerija jew deprivazzjoni oħra ħarxa tal-libertà fiżika bi ksur tar-regoli fondamentali tal-liġi internazzjonali; (f) tortura; (g) stupru, jasar skont is-sess, prostituzzjoni kostretta, tqala kostretta, sterilizzazzjoni kostretta, jew kull forma oħra ta’ vjolenza sesswali li tkun daqstant gravi; (h) persekuzzjoni kontra xi grupp identifikabbli jew kollettività għal raġunijiet politiċi, razzjali, nazzjonali, etniċi, kulturali, reliġjużi, ta’ ġeneru sesswali kif imfisser fis-subartikolu (3), jew għal raġunijiet oħra li huma universalment rikonoxxuti bħala mhux permissibbli taħt il-liġi internazzjonali, f’konnessjoni ma’ xi att imsemmi f’dan is-subartikolu jew xi delitt taħt l-artikolu 54A; (i) għajbien mġiegħel ta’ persuni; (j) id-delitt ta’ apartheid; (k) atti oħra kontra l-bniedem ta’ xorta simili li xjentement jikkaġunaw tbatija kbira, jew ħsara gravi fil-ġisem jew fil-moħħ jew fis-saħħa fiżika. (2) Għall-finijiet tas-subartikolu (1) – (a) "attakk dirett kontra xi popolazzjoni ċivili" tfisser dik ix-xorta ta’ mġieba li tinvolvi l-għemil għal bosta drabi tal-atti msemmija fis-subartikolu (1) kontra popolazzjoni ċivili, konformement jew bi tkomplija ta’ xi politka Statali jew organizzazzjonali li jitwettaq dak l-attakk; (b) "esterminazzjoni" tinkludi l-impożizzjoni bil-ħsieb ta’ kondizzjonijiet ta’ ħajja, fost l-oħrajn il-privazzjoni ta’ aċċess għall-ikel u mediċina, meqjusa biex iġibu lqirda ta’ xi parti mill-popolazzjoni; (ċ) "tjassir" tfisser it-twettiq ta’ xi poter jew tal-poteri kollha relattivi għall-jedd ta’ proprjetà fuq persuna u tinkludi t-twettiq ta’ dik is-setgħa fil-kors tat-traffikar fil-persuni, b’mod partikolari tan-nisa u t-tfal; (d) "deportazzjoni jew trasferiment ta’ popolazzjoni bilforza" tfisser ċ-ċaqlieq tal-persuni milquta b’atti ta’ espulsjoni jew atti oħra ta’ ġegħil mill-area fejn dawn ikunu preżenti skont il-liġi, bla ebda raġuni li tkun permessa taħt il-liġi internazzjonali; (e) "tortura" tfisser l-impożizzjoni bil-ħsieb ta’ uġigħ jew tbatija ħorox, kemm fiżiċi kemm mentali, fuq persuna fil-kustodja jew taħt il-kontroll tal-akkużat; ħlief li ttortura ma għandhiex tinkludi uġigħ jew tbatija li jitnisslu biss minn, huma inerenti fi jew inċidentali għal, sanzjonijiet leġittimi; (f) "tqala kostretta" tfisser id-detenzjoni mġiegħla kontra l-liġi ta’ mara li tkun saret tqila bil-forza, bil-ħsieb li tintlaqat il-kompożizzjoni etnika ta’ xi popolazzjoni jew li jitwettqu vjolazzjonijiet oħra serji tal-liġi internazzjonali. Din it-tifsira ma għandha b’ebda mod tkun imfissra bħala li tolqot il-liġijiet nazzjonali konnessi mat-tqala; (g) "persekuzzjoni" tfisser id-deprivazzjoni maħsuba u ħarxa tad-drittijiet fondamentali kuntrarju għal-liġi internazzjonali minħabba fl-identità tal-grupp jew kollettività;

Type of law: 
National constitutional law
Charter article: 
Country: 
Malta