Libertajiet
Artikolu 17 - Id-dritt għall-proprjetà
1. Kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-ebda persuna ma tista' tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta' kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista' jiġi rregolat bil-liġi safejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku. 2. Il-proprjetà intellettwali għandha tiġi protetta.
Dan l-Artikolu hu bbażat fuq l-Artikolu 1 tal-Protokoll tal-KEDB: `Kull persuna naturali jew persuna morali għandha dritt għat-tgawdija paċifika tal-possedimenti tagħha. Ħadd ma għandu jiġi pprivat mill-possedimenti tiegħu ħlief fl-interess pubbliku u bla ħsara tal-kundizzjonijiet provduti bil-liġi u bil-prinċipji ġenerali tal-liġi internazzjonali. Iżda d-dispożizzjonijiet ta' qabel ma għandhom b'ebda mod inaqqsu d-dritt ta' Stat li jwettaq dawk il-liġijiet li jidhrulu xierqa biex jikkontrolla l-użu ta' proprjetà skond l-interess ġenerali jew biex jiżgura l-ħlas ta' taxxi jew kontribuzzjonijiet oħra jew pieni`.Dan hu dritt fundamentali komuni għall-kostituzzjonijiet nazzjonali kollha. Huwa ġie rikonoxxut bosta drabi mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel nett fis-sentenza Hauer ( 13 ta' Diċembru 1979, Ġabra 1979, p. 3727). Il-kliem ġie aġġornat iżda, skond l-Artikolu 52(3), is-sens u l-ambitu tad-dritt huma l-istess bħal dawk tad-dritt garantit mill-KEDB u l-limitazzjonijiet ma jistgħux jeċċedu dawk previsti hemmhekk. Il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, li huwa aspett wieħed mid-dritt għall-proprjetà, hu msemmi espliċitament fil-paragrafu 2 minħabba li qed isir dejjem aktar importanti u fil-leġislazzjoni sekondarja tal-Komunità. Il-proprjetà intellettwali tkopri mhux biss il-proprjetà letterarja u artistika, iżda wkoll, inter alia, id-drittijiet ta' privattiva u trademarks u drittijiet simili. Il-garanziji stabbiliti fil-paragrafu 1 għandhom japplikaw kif xieraq għall-proprjetà intellettwali.