L-Ugwaljanza
Artikolu 24 - Id-drittijiet tat-tfal
1. It-tfal għandhom id-dritt għall-protezzjoni u għall-kura meħtieġa għall-ġid tagħhom. Huma jistgħu jesprimu l-opinjonijiet tagħhom liberament. Dawn l-opinjonijiet għandhom jitqiesu f'materji li jirrigwardawhom skond l-età u l-maturità tagħhom. 2. Fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja. 3. It-tfal kollha għandhom id-dritt li jkollhom, regolarment, relazzjoni personali u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri, sakemm dan ma jkunx kontra l-interessi tat-tfal.
L-Artikolu hu bbażat fuq il-Konvenzjoni ta' New York dwar id-Drittijiet tat-Tfal, iffirmata fl- 20 ta' Novembru 1989 u ratifikata mill-Istati Membri kollha, b'mod partikolari l-Artikoli 3, 9, 12 u 13 tagħha.
Il-paragrafu 3 jieħu kont tal-fatt li, bħala parti mill-istabbiliment ta' spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, il-leġislazzjoni ta' l-Unjoni f'materji ċivili b'implikazzjonijiet transkonfini, li għaliha l-Artikolu 81 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea jagħtu l-kompetenzi meħtieġa, tista' tinkludi b'mod partikolari d-drittijiet għal żjajjar sabiex ikun żgurat li t-tfal jkunu jistgħu jżommu kuntatt personali u dirett maż-żewġ ġenituri tagħhom fuq bażi regolari.