19
August
2022

Il-protezzjoni tal-ispazju ċiviku fl-UE - Sejbiet ewlenin u opinjonijiet tal-FRA

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiffaċċjaw diversi sfidi fl-Unjoni Ewropea kollha. Ir-rapport tal-FRA dwar II-protezzjoni tal-ispazju ċiviku fl-UE jippreżenta s-sejbiet tal-aġenzija dwar dawn l-isfidi. Dan inħareġ f’Settembru tal-2021. Dan is-sommarju jippreżenta s-Sejbiet Ewlenin u l-opinjonijiet tal-FRA deskritti firrapport.
Ħarsa ġenerali

Organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem – inkluż il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, entitajiet differenti tal-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE)/l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal- Bniedem (ODIHR) – jenfasizzaw ir-rwol importanti tas-soċjetà ċivili fis-salvagwardja u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija.

Fl-Unjoni Ewropea, is-soċjetà ċivili għandha rwol importanti biex tagħti l-ħajja lill-valuri kondiviżi bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha speċifikati fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Dawn jagħmlu kontribut sostanzjali għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem. Irrwol ewlieni tas-soċjetà ċivili huwa rifless ukoll fit-Trattati tal-UE. Id-dokumenti rilevanti ta’ politika tal-UE, inklużi l-istrateġiji u l-pjanijiet ta’ azzjoni, jenfasizzaw b’mod simili l-importanza tagħha.

L-Artikolu 11(2) tat-TUE u l-Artikolu 15(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal- Unjoni Ewropea (TFUE) iqisu d-djalogu ċivili u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili bħala għodod għal governanza tajba. Dan huwa wkoll il-każ fid-dokumenti rilevanti ta’ politika tal-UE, bħall-Istrateġija tal-UE biex tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-UE (“il-Karta tal-UE”), il-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea, u l-pjanijiet ta’ azzjoni settorjali dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu, l-ugwaljanza tal-LGBTIQ+, l-inklużjoni tar-Rom, id-drittijiet tat-tfal, iddiżabilità, id-drittijiet tal-vittmi, id-drittijiet tan-nisa jew l-integrazzjoni tal-migranti.

Madankollu, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiffaċċjaw sfidi diversi fl-UE kollha. Dan ir-rapport jippreżenta s-sejbiet mill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) dwar firxa ta’ sfidi bħal dawn. Is-sejbiet huma bbażati fuq ir-riċerka mwettqa min-network ta’ riċerka tal-aġenzija, Franet, fl-2020; żewġ konsultazzjonijiet online separati li saru mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-2020; u fuq riċerka bbażata biss fuq id-dokumentazzjoni.

Ir-rapport tal-FRA dwar Il-protezzjoni tal-ispazju ċiviku fl-UE jiddeskrivi l-iżviluppi legali u ta’ politika rilevanti li għandhom impatt fuq l-attivitajiet tal-OSĊ li jaħdmu fuq id-drittijiet tal-bniedem fl-UE kollha. Dan jippreżenta wkoll prattiki promettenti rilevanti. Barra minn hekk, l-opinjonijiet ippreżentati hawn taħt jiddeskrivu modi dwar kif jista’ jitrawwem ambjent tax-xogħol aktar pożittiv għas-soċjetà ċivili.

B’mod ġenerali, ir-riċerka tenfasizza li s-sitwazzjoni tvarja b’mod konsiderevoli fost l-Istati Membri. Turi wkoll li s-sitwazzjoni fl-2020 kienet ġeneralment aktar diffiċli milli fis-snin preċedenti, spiss minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Minkejja din ir-realtà, ir-riċerka tindika wkoll xi żviluppi pożittivi.