Aċċess għal dokumenti

IInformazzjoni u dokumenti relatati mal-ħidma tal-Aġenzija jistgħu jiġu kkonsultati hawnhekk:

Reġistru ta' dokumenti

Kwalunkwe ċittadin tal-UE, kif ukoll kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tgħix jew li għandha uffiċċju reġistrat fl-UE għandha d-dritt li taċċessa dokumenti miżmuma mill-Aġenzija, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fir- Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (minn hawn ’il quddiem imsejħa “ ir-Regolament”) u mingħajr preġudizzju għall-miżuri stabbiliti fid-Deċiżjoni adottata fl-14 ta’ Diċembru 2012 mill-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali.

Biex tagħmel applikazzjoni għal aċċess għal dokument miżmum mill-Aġenzija fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha, jekk jogħġbok imla l-formola disponibbli hawn taħt (online jew bħala fajl PDF). L-applikazzjoni tiegħek trid tinkiteb f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE' u tista’ tintbagħat lill-Aġenzija bil-posta, bil-faks jew elettronikament. L-applikazzjoni għandha ssir b’mod preċiż biżżejjed u għandha tinkludi, b’mod partikolari, elementi suffiċjenti sabiex l-Aġenzija tkun tista’ tidentifika d-dokument jew id-dokumenti mitluba. Tista’ wkoll tindika l-lingwa li biha tixtieq tirċievi d-dokument u lingwa alternattiva jekk l-ewwel għażla tiegħek ma tkunx disponibbli. Jekk jogħġbok innota li d-dokumenti jistgħu jiġu fornuti biss f’lingwi u f’formati eżistenti. L-Aġenzija mhijiex meħtieġa toħloq dokument ġdid, tittraduċi dokument jew tiġbor informazzjoni sabiex twieġeb għall-applikazzjoni tiegħek.

Malli l-Aġenzija tirċievi l-applikazzjoni tiegħek, tintbagħatlek konferma flimkien ma’ numru ta’ reġistrazzjoni uniku assenjat lit-talba tiegħek. L-Aġenzija se tittratta l-applikazzjoni tiegħek fi żmien massimu ta’ ħmistax-il jum xogħol, sakemm dak il-perjodu ma jiġix estiż bil-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament.

L-Aġenzija tista’ tirrifjuta l-aċċess għal dokument, inter alia, meta d-divulgazzjoni tiegħu jkun jimmina l-protezzjoni tal-interess pubbliku, tal-privatezza u tal-integrità tal-individwu, tal-interessi kummerċjali, tal-proċedimenti legali u tal-parir legali jew jekk id-divulgazzjoni tiegħu jkun jimmina serjament il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Aġenzija.

Jekk l-applikazzjoni tiegħek tiġi rrifjutata, jew jekk ma tirċevix tweġiba fiż-żmien stipulat, inti tista’ tagħmel applikazzjoni konfermatorja lill-Aġenzija fi żmien ħmistax-il jum billi tuża l-istess formola li tiddikjara li hija applikazzjoni ta’ konferma u li tagħti n-numru ta’ reġistrazzjoni li jkun intbagħatlek bil-konferma tal-applikazzjoni inizjali tiegħek.

Protezzjoni tad-data

L-ipproċessar ta’ data personali mdaħħla fil-formola tal-applikazzjoni huwa soġġett għall-politiki ta’ protezzjoni stabbiliti mir- Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data.

Ara l-paġna dwar il-Protezzjoni tad-Data għad-dettalji. Tista’ wkoll taċċessa l-Avviż ta’ Privatezza għal suġġetti tad-data li talbu aċċess għad-dokumenti.

Formoli

Formola online

Il-formola PDF trid tiġi stampata u tintbagħat bil-faks, posta jew posta elettronika

Dettalji ta’ kuntatt

European Union Agency for Fundamental Rights
Document Access Coordinator
Schwarzenbergplatz 11
AT-1040 Vienna
Austria

E-mail: documents@fra.europa.eu

Fax: +43 1 503 13 85