1. Dan l-Artikolu huwa ispirat kemm fuq it-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni ta' l-Istati Membri kif ukoll fuq l-Artikolu 2 tal-Protokoll tal-KEDB, li jgħid hekk:
`Ħadd ma għandu jiġi pprivat mid-dritt għall-edukazzjoni. Fl-eżerċizzju ta' kull funzjoni li jassumi dwar edukazzjoni u tagħlim, l-Istat għandu jirrispetta d-dritt tal-ġenituri li jiżguraw dik l-edukazzjoni u dak it-tagħlim in konformità mal-konvinzjonijiet tagħhom reliġjużi u filosofiċi`.
Kien meqjus utli li dan l-Artikolu jiġi estiż għall-aċċess għat-taħriġ professjonali u kontinwu (ara punt 15 tal-Karta Komunitarja dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema u l-Artikolu 10 tal-Karta Soċjali) u li jiżdied il-prinċipju ta' edukazzjoni obbligatorja bla ħlas. Kif qiegħed miktub, il-prinċipju ta' l-aħħar jimplika biss li fir-rigward ta' l-edukazzjoni obbligatorja, it-tfal kollha għandu jkollhom il-possibiltà li jattendu stabbiliment li joffri edukazzjoni bla ħlas. Ma jitlobx mill-istabbilimenti kollha partikolarment dawk privati, li jipprovdu edukazzjoni jew taħriġ professjonali u kontinwu bla ħlas. Lanqas ma jipprojbixxi li ċerti forom speċifiċi ta' edukazzjoni jkunu bil-ħlas, jekk l-Istat jieħu miżuri sabiex jagħti kumpens finanzjarju. Safejn il-Karta tapplika għall-Unjoni, dan ifisser li l-Unjoni, fil-politika ta' taħriġ tagħha, għandha tirrispetta l-edukazzjoni obbligatorja bla ħlas, iżda ma għandhiex tinftiehem li toħloq kompetenzi ġodda. Fir-rigward tad-dritt tal-ġenituri, dan għandu jiġi interpretat flimkien mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 24.
2. Il-libertà li jitwaqqfu stabbilimenti ta' edukazzjoni, pubbliċi jew privati, hi ggarantita bħala waħda mill-aspetti tal-libertà ta' intrapriża iżda hi limitata mir-rispett għall-prinċipji demokratiċi u tiġi eżerċitata skond l-arranġamenti definiti mil-leġislazzjoni nazzjonali.