You are here:

Artikolu 17 - Id-dritt għall-proprjetà

1. Kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-ebda persuna ma tista' tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta' kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista' jiġi rregolat bil-liġi safejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku.
2. Il-proprjetà intellettwali għandha tiġi protetta.

    Text:

    Dan l-Artikolu hu bbażat fuq l-Artikolu 1 tal-Protokoll tal-KEDB:
    `Kull persuna naturali jew persuna morali għandha dritt għat-tgawdija paċifika tal-possedimenti tagħha. Ħadd ma għandu jiġi pprivat mill-possedimenti tiegħu ħlief fl-interess pubbliku u bla ħsara tal-kundizzjonijiet provduti bil-liġi u bil-prinċipji ġenerali tal-liġi internazzjonali.
    Iżda d-dispożizzjonijiet ta' qabel ma għandhom b'ebda mod inaqqsu d-dritt ta' Stat li jwettaq dawk il-liġijiet li jidhrulu xierqa biex jikkontrolla l-użu ta' proprjetà skond l-interess ġenerali jew biex jiżgura l-ħlas ta' taxxi jew kontribuzzjonijiet oħra jew pieni`.
    Dan hu dritt fundamentali komuni għall-kostituzzjonijiet nazzjonali kollha. Huwa ġie rikonoxxut bosta drabi mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel nett fis-sentenza Hauer ( 13 ta' Diċembru 1979, Ġabra 1979, p. 3727). Il-kliem ġie aġġornat iżda, skond l-Artikolu 52(3), is-sens u l-ambitu tad-dritt huma l-istess bħal dawk tad-dritt garantit mill-KEDB u l-limitazzjonijiet ma jistgħux jeċċedu dawk previsti hemmhekk.
    Il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, li huwa aspett wieħed mid-dritt għall-proprjetà, hu msemmi espliċitament fil-paragrafu 2 minħabba li qed isir dejjem aktar importanti u fil-leġislazzjoni sekondarja tal-Komunità. Il-proprjetà intellettwali tkopri mhux biss il-proprjetà letterarja u artistika, iżda wkoll, inter alia, id-drittijiet ta' privattiva u trademarks u drittijiet simili. Il-garanziji stabbiliti fil-paragrafu 1 għandhom japplikaw kif xieraq għall-proprjetà intellettwali.

    Source:
    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea C 303/17 - 14.12.2007

    Preamble - Explanations relating to the Charter of Fundamental Rights:
    Dawn l-ispjegazzjonijiet ġew imħejjija oriġinarjament taħt ir-responsabbiltà tal-Praesidium tal-Konvenzjoni li abbozza l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea. Huma ġew aġġornati taħt ir-responsabbiltà tal-Praesidium tal-Konvenzjoni Ewropea, fid-dawl ta' l-aġġustamenti li saru għat-test tal-Karta minn dik il-Konvenzjoni (partikolarment fl-Artikoli (51 U 52) u ta' l-evoluzzjoni fil-liġi ta' l-Unjoni. Għalkemm dawn l-ispjegazzjonijiet m'għandhomx fihom infushom l-istatus ta' liġi, huma mezz siewi ta' interpretazzjoni intiż sabiex ikunu ċċarati d-dispożizzjonijiet tal-Karta.

0 results found

0 results found

0 results found