eu-charter

Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

Titolu VII

Dispożizzjonijiet generali

  • 1. Id-dispożizzjonijiet ta' din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta' l-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta' sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta' l-Unjoni. Huma għandhom għaldaqstant jirrispettaw id-drittijiet, josservaw il-prinċipji u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom u fir-rispett tal-limiti tal-kompetenzi ta' l-Unjoni kif mogħtija lilha fit-Trattati. 2. Il-Karta ma testendix il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi ta' l-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi ta' l- Unjoni u ma tistabbilixxi ebda setgħa jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti definiti fit-Trattati..

  • 1. Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta' dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta' proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f'dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta' interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta' oħrajn. 2. Id-drittijiet rikonoxxuti minn din il-Karta li għalihom hemm dispożizzjonijiet fit-Trattati għandhom jiġu eżerċitati skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti definiti fihom. 3. Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, it-tifsira u l-ambitu ta' dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta' l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva. 4. Safejn din il-Karta tirrikonoxxi d-drittijiet fundamentali kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, dawk id-drittijiet għandhom ikunu interpretati f'armonija ma' dawk it-tradizzjonijiet. 5. Id-dispożizzjonijiet ta' din il-Karta li fihom prinċipji jistgħu jiġu implimentati b'atti leġislattivi u eżekuttivi meħuda mill-Istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji ta' l-Unjoni, u b'atti ta' l-Istati Membri meta dawn ikunu qegħdin jimplimentaw il-liġi ta' l-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi rispettivi tagħhom. Ma jistgħux jiġu invokati fil-qorti ħlief għall-iskop ta' l-interpretazzjoni u d-determinazzjoni tal-legalità ta' dawn l-atti. 6. Għandha tittieħed kunsiderazzjoni sħiħa tal-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali kif speċifikat f'din il- Karta. 7. L-ispjegazzjonijiet imfassla bħala gwida għall-interpretazzjoni ta' din il-Karta għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni dovuta mill-qrati ta' l-Unjoni u ta' l-Istati Membri.

  • Xejn f'din il-Karta m'għandu jiġi interpretat bħala li jillimita jew li jolqot b'mod negattiv id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti, fl-oqsma ta' applikazzjoni rispettivi tagħhom, mil-liġi ta' l-Unjoni u mil-liġi internazzjonali u mill-konvenzjonijiet internazzjonali li fihom l-Unjoni jew l- Istati Membri kollha huma parti, b'mod partikolari l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad- Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, u mill-kostituzzjonijiet ta' l-Istati Membri..

  • L-ebda dispożizzjoni ta' din il-Karta m'għandha tiġi interpretata b'mod li timplika dritt li ssir attività jew isir xi att li hu intiż biex jeqred xi dritt jew libertà rikonoxxuti f'din il-Karta jew biex jillimitahom b'mod aktar estiż minn kif previst f'din il-Karta..

Titolu VII

Dispożizzjonijiet generali