You are here:

Titolu IV Solidarjetà

  • Artikolu 27 - Id-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni fi ħdan l-impriża

      Il-ħaddiema jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom, fil-livelli xierqa, jkunu ggarantiti informazzjoni u konsultazzjoni fi żmien utli, fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi ta' l-Unjoni u mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.

  • Artikolu 28 - Id-dritt ta' negozjar u ta' azzjoni kollettiva

      Il-ħaddiema u dawk li jħaddmu, jew l-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom, għandhom, skond il-liġi ta' l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali, id-dritt li jinnegozjaw u li jikkonkludu ftehim kollettivi fil-livelli xierqa u, fil-każ ta' konflitti ta' interess, li jieħdu azzjoni kollettiva, inkluż l-istrajk, sabiex jiddefendu l-interessi tagħhom.

  • Artikolu 29 - Id-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' impjieg

      Kull persuna għandha d-dritt ta' aċċess għal servizz ta' impjieg mingħajr ħlas.

  • Artikolu 30 - Il-protezzjoni fil-każ ta' tkeċċija inġusta

      Kull ħaddiem għandu d-dritt għall-protezzjoni kontra tkeċċija inġusta, skond il-liġi ta' l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.

  • Artikolu 31 - Kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa

      1. Kull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu.
      2. Kull ħaddiem għandu d-dritt għal limitazzjoni ta' sigħat massimi tax-xogħol, għal perijodi ta' mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa u għal perjodu annwali ta' leave imħallas.

  • Artikolu 32 - Il-projbizzjoni ta' impjieg ta' tfal u protezzjoni taż-żgħażagħ fuq il-post tax-xogħol

      L-impjieg tat-tfal huwa pprojbit. L-età minima għall-ammissjoni għal impjieg ma tistax tkun anqas mill-età li fiha jispiċċa l-obbligu ta' l-iskola, bla preġudizzju għal regoli iktar favorevoli għaż-żgħażagħ u ħlief derogi limitati.
      Iż-żgħażagħ li jingħataw xogħol għandhom igawdu minn kondizzjonijiet tax-xogħol skond l-età tagħhom u għandhom ikunu protetti kontra l-isfruttament ekonomiku jew kontra kull xogħol li jista' jipperikola s-sigurtà, is-saħħa jew l-iżvilupp fiżiku, mentali, morali jew soċjali tagħhom, jew li jista' jikkomprometti l-edukazzjoni tagħhom.

  • Artikolu 33 - Il-ħajja tal-familja u professjonali

      1. Il-familja għandha tgawdi minn protezzjoni legali, ekonomika u soċjali.
      2. Sabiex wieħed jirrikonċilja l-ħajja tal-familja u l-ħajja professjonali, kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni mit-tkeċċija għal xi raġuni konnessa mal-maternità, u d-dritt għal leave tal-maternità mħallas u għal leave parentali wara t-twelid jew l-adozzjoni ta' tifel jew tifla.

  • Artikolu 34 - Sigurtà soċjali u assistenza soċjali

      1. L-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt għal benefiċċji ta' sigurtà soċjali u servizzi soċjali li jipprovdu protezzjoni f'każijiet bħal ma huma l-maternità, il-mard, l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol, id-dipendenza jew l-anzjanità, u fil-każ ta' telf tax-xogħol, skond ir-regoli stabbiliti mil-liġi ta' l-Unjoni u mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.
      2. Kull min jirrisjedi u jmur minn post għal ieħor legalment fl-Unjoni Ewropea hu intitolat għall-benefiċċji ta' sigurtà soċjali u l-vantaġġi soċjali, skond il-liġi ta' l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.
      3. Sabiex jiġu miġġielda l-esklużjoni soċjali u l-faqar, l-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt għal għajnuna soċjali u għal għajnuna għall-akkomodazzjoni sabiex tiżgura l-eżistenza dinjituża għal dawk kollha li huma neqsin minn riżorsi suffiċjenti, skond ir-regoli stabbiliti mil-liġi ta' l-Unjoni u mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.

  • Artikolu 35 - Il-protezzjoni tas-saħħa

      Kull persuna għandha d-dritt ta' aċċess għal kura preventiva tas-saħħa u d-dritt li tgawdi minn kura medika skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali. Għandu jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-linji ta' politika u l-attivitajiet kollha ta' l-Unjoni.

  • Artikolu 36 - L-aċċess għal servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali

      L-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta l-aċċess għal servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali kif previst fil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali, skond it-Trattati, sabiex tippromwovi l-koeżjoni soċjali u territorjali ta' l- Unjoni.

  • Artikolu 37 - Protezzjoni ta' l-ambjent

      Livell għoli ta' protezzjoni ta' l-ambjent u t-titjib fil-kwalità ta' l-ambjent għandhom jiġu integrati filpolitika ta' l-Unjoni u għandhom jiġu żgurati skond il-prinċipju ta' żvilupp sostenibbli.

  • Artikolu 38 - Protezzjoni tal-konsumatur

      Il-politika ta' l-Unjoni għandha tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur.

Titolu IV Solidarjetà