Solidarjetà
Artikolu 28 - Id-dritt ta' negozjar u ta' azzjoni kollettiva
Il-ħaddiema u dawk li jħaddmu, jew l-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom, għandhom, skond il-liġi ta' l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali, id-dritt li jinnegozjaw u li jikkonkludu ftehim kollettivi fil-livelli xierqa u, fil-każ ta' konflitti ta' interess, li jieħdu azzjoni kollettiva, inkluż l-istrajk, sabiex jiddefendu l-interessi tagħhom.
Dan l-Artikolu hu bbażat fuq l-Artikolu 6 tal-Karta Soċjali Ewropea u fuq il-Karta Komunitarja dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema (il-punti 12 sa 14). Id-dritt għal azzjoni kollettiva kien rikonoxxut mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem bħala wieħed mill-elementi tad-drittijiet sindakali stabbiliti fl-Artikolu 11 tal-KEDB. Fir-rigward tal-livelli approprjati li fihom ikunu jistgħu jsiru negozjati kollettivi, ara l-ispjegazzjoni għall-Artikolu preċedenti. Il-modalitajiet u l-limiti għall-eżerċizzju ta' azzjoni kollettiva, inkluża l-azzjoni ta' strajk, jaqgħu taħt il-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali, inkluża l-kwistjoni jekk dan jistax isir b'mod parallel f'diversi Stati Membri.