Libertajiet
Artikolu 15 - Il-libertà professjonali u d-dritt għax-xogħol
1. Kull persuna għandha d-dritt li taħdem u li twettaq xogħol magħżul jew aċċettat liberament. 2. Kull ċittadin ta' l-Unjoni għandu l-libertà li jfittex impjieg, li jaħdem, li jeżerċita d-dritt ta' stabbiliment u li jagħti servizzi f'kull Stat Membru. 3. Iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma awtorizzati jaħdmu fit-territorji ta' l-Istati Membri għandhom id-dritt għal kondizzjonijiet ta' xogħol ekwivalenti għal dawk li jgawdu minnhom iċ-ċittadini ta' l- Unjoni.
Il-libertà professjonali, kif dikjarata fl-Artikolu 15(1), hi rikonoxxuta fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, fost oħrajn, is-sentenza ta' l- 14 ta' Mejju 1974, Nold (4/73, Ġabra 1974, p. 491, punti 12 sa 14); is-sentenza tat- 13 ta' Diċembru 1979, Hauer (44/79, Ġabra 1979, p. 3727); is-sentenza tat- 8 ta' Ottubru 1986, Keller (234/85, Ġabra 1986, p. 2897, punt 8). Dan il-paragrafu huwa ispirat ukoll mill-Artikolu 1(2) tal-Karta Soċjali Ewropea, li ġiet iffirmata fit- 18 ta' Ottubru 1961 u ġiet irratifikata mill-Istati Membri kollha, u mill-punt 4 tal-Karta tal-Komunità dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema tad- 9 ta' Diċembru 1989. L-espressjoni `kondizzjonijiet tax-xogħol` għandha tiftiehem fis-sens ta' l-Artikolu 156 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea. It-tieni paragrafu jittratta t-tliet libertajiet garantiti mill-Artikoli 26 u 45, 49 u 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-moviment liberu tal-ħaddiema, il-libertà ta' l-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. It-tielet paragrafu ġie bbażat fuq l-Artikolu 153(1)(g), tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, u fuq l-Artikolu 19(4) tal-Karta Soċjali Ewropea, iffirmata fit- 18 ta' Ottubru 1961 u ratifikata mill-Istati Membri kollha. L-Artikolu 52(2), tal-Karta hu għalhekk applikabbli. Il-kwistjoni tar-reklutaġġ ta' baħħara li jkollhom in-nazzjonalità ta' Stati terzi għall-ekwipaġġ ta' bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru ta' l-Unjoni hija regolata mil-liġi ta' l-Unjoni u mil-leġislazzjoni u l-prattika nazzjonali.