1. Id-dritt fl-Artikolu 5(1) u (2) jikkorrispondi għall-Artikolu 4(1) u (2) tal-KEDB, li għandu l-istess kliem. Għalhekk għandu l-istess sens u l-istess ambitu bħal dan l-aħħar Artikolu skond l-Artikolu 52(3) tal-Karta. Konsegwentement:
- l-ebda limitazzjoni ma tista' tolqot b'mod leġittimu d-dritt previst fil-paragrafu 1;
- fil-paragrafu 2, `xogħol forzat jew obbligatorju` jrid jiftiehem fid-dawl tad-definizzjonijiet `negattivi` li jinsabu fl-Artikolu 4(3) tal-KEDB:
`Għall-fini ta' dan l-Artikolu l-frażi `xogħol forzat jew obbligatorju` ma tinkludix:
a) xogħol meħtieġ li jsir fil-kors ordinarju ta' detenzjoni imposta skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 5 ta' din il-Konvenzjoni jew waqt il-libertà kondizzjonata minn dik id-detenzjoni;
b) servizz ta' karattru militari jew, f'każ ta' persuni oġġezzjonanti minħabba l-kuxjenza f'pajjiżi fejn huwa hekk rikonoxxut, servizz imġiegħel minflok servizz militari obbligatorju;
ċ) servizz imġiegħel f'każ ta' emerġenza jew ta' kalamità li thedded il-ħajja jew il-ġid tal-komunità;
d) xogħol jew servizz li jifforma parti mill-obbligi ċiviċi normali`.
2. Il-paragrafu 3 jiġi direttament mid-dinjità tal-bniedem u jieħu kont ta' l-iżviluppi reċenti fil-kriminalità organizzata, bħall-organizzazzjoni ta' netwerks ta' immigrazzjoni illegali jew ta' sfruttament sesswali li jħallu l-qligħ. L-anness għall-Konvenzjoni ta' l-Europol għandu fih id-definizzjoni li ġejja li tirreferi għat-traffikar għall-iskop ta' sfruttament sesswali: `It-traffikar tal-bnedmin: li persuna tkun suġġetta għas-setgħa reali u illegali minn persuni oħra bl-użu ta' vjolenza jew minaċċi jew bl-abbuż ta' awtorità jew intrigi bl-iskop li jiġu esplojtati għall-prostituzzjoni, forom ta' esplojtazzjoni sesswali u attakki fuq minorenni jew il-kummerċ fi tfal abbandunati`. Il-Kapitolu VI tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen, li ġie integrat fl-acquis ta' l-Unjoni, li fih jipparteċipaw ir-Renju Unit u l-Irlanda, għandu l-kliem li ġejjin fl-Artikolu 27(1) li jirreferi għal networks ta' immigrazzjoni illegali: `Il-Partijiet Kontraenti jobbligaw ruħhom li jimponu pieni approprjati fuq kwalunkwe persuna li, għal skopijiet ta' gwadann finanzjarju, tassisti jew tipprova tassisti klandestin biex jidħol jew jirresjedi fit-territorju ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti bi ksur tal-liġijiet ta' dik il-Parti Kontraenti dwar id-dħul u r-residenza ta' klandestini.` Fid- 19 ta' Lulju 2002, il-Kunsill adotta deċiżjoni kwadru dwar il-ġlieda kontra t-traffikar ta' bnedmin (ĠU L 203, 1.8.2002, p. 1) li l-Artikolu 1 tagħha jagħti definizzjoni dettaljata tar-reati fir-rigward tat-traffikar ta' bnedmin għal finijiet ta' sfruttament tax-xogħol tagħhom jew sfruttament sesswali, li l-Istati Membri għandhom jippunixxu, bis-saħħa ta' dik id-deċiżjoni kwadru.