Dan l-Artikolu hu bbażat fuq l-Artikolu 12 tal-KEDB, li jgħid hekk: `L-irġiel u n-nisa ta' età ta' żwieġ għandhom id-dritt li jiżżewġu u li jkollhom familja, skond il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw l-eżerċizzju ta' dan id-dritt.` Il-mod kif inkiteb dan l-Artikolu ġie mmodernizzat sabiex ikunu koperti il-każijiet fejn il-leġislazzjoni nazzjonali tirrikonoxxi, apparti miż-żwieġ, arranġamenti oħrajn biex titwaqqaf familja. Dan l-Artikolu la jipprojbixxi u lanqas jimponi l-għoti ta' status ta' żwieġ lil unjonijiet bejn nies ta' l-istess sess. Dan id-dritt hu b'hekk simili għal dak mogħti mill-KEDB, iżda, fejn il-leġislazzjoni nazzjonali tkun tipprovdi b'dan il-mod, l-ambitu tiegħu jista' jkun aktar wiesa'.