1. Il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jikkorrispondi għall-Artikolu 11 tal-KEDB, li jgħid hekk:
`1. Kulħadd għandu d-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika u għal-libertà ta' assoċjazzjoni ma' oħrajn, inkluż id-dritt li wieħed jifforma u jidħol fi trade unions għall-protezzjoni ta' l-interessi tiegħu.
2. Ma għandu jkun hemm ebda restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju ta' dawn id-drittijiet ħlief dawk li jkunu preskritti b'liġi u li jkunu meħtieġa f'soċjetà demokratika fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali jew tas-sigurtà pubblika, biex jiġi evitat id-diżordni jew l-egħmil ta' delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta' ħaddieħor. Dan l-Artikolu ma għandux jimpedixxi l-imposizzjoni ta' restrizzjonijiet skond il-liġi fuq l-eżerċizzju ta' dawn id-drittijiet minn membri tal-Forzi Armati, tal-Pulizija jew ta' l-amministrazzjoni ta' l-Istat`.
Is-sens tad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu 12(1) hu l-istess bħal dak tal-KEDB, iżda l-ambitu tagħhom hu aktar wiesa' ladarba jistgħu japplikaw fil-livelli kollha inkluż il-livell Ewropew. Skond l-Artikolu 52(3) tal-Karta, il-limitazzjonijiet fuq dak id-dritt ma jistgħux jeċċedu dawk li huma kkunsidrati leġittimi bis-saħħa ta' l-Artikolu 11(2) tal-KEDB.
2. Dan id-dritt hu bbażat ukoll fuq l-Artikolu 11 tal-Karta Komunitarja dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema.
3. Il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jikkorrispondi għall-Artikolu 10(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.