Ġustizzja
Artikolu 48 - Il-preżunzjoni ta' innoċenza u d-dritt għad-difiża
1. Kull imputat għandu jkun preżunt innoċenti sakemm jinstab ħati skond il-liġi. 2. Għandu jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ta' kull imputat.
L-Artikolu 48 huwa l-istess bħall-Artikolu 6(2) u (3) tal-KEDB, li jinqara kif ġej:
`2. Kull min ikun akkużat b'reat kriminali għandu jiġi meqjus li jkun innoċenti sakemm ma jiġix pruvat ħati skond il-liġi.
3. Kull min ikun akkużat b'reat kriminali għandu d-drittijiet minimi li ġejjin:
a) li jkun infurmat minnufih, b'lingwa li jifhem u bid-dettall, dwar in-natura u r-raġuni ta' l-akkuża kontra tiegħu;
b) li jkollu żmien u faċilitajiet xierqa għall-preparazzjoni tad-difiża tiegħu;
ċ) li jiddefendi ruħu persunalment jew permezz ta' assistenza legali magħżula minnu stess jew, jekk ma jkollux mezzi biżżejjed li jħallas l-assistenza legali, din għandha tingħata lilu b'xejn meta l-interessi tal-ġustizzja jeħtieġu hekk;
d) li jeżamina jew li jara li jiġu eżaminati xhieda kontra tiegħu u li jottjeni l-attendenza u l-eżami ta' xhieda favur tiegħu taħt l-istess kundizzjonijiet bħax-xhieda kontra tiegħu;
e) li jkollu assistenza b'xejn ta' interpretu jekk ma jkunx jifhem jew jitkellem il-lingwa użata fil-qorti`.
Skond l-Artikolu 52(3), dan id-dritt għandu l-istess sens u ambitu bħad-dritt garantit mill-KEDB.