Id-drittijiet previsti fl-Artikolu 6 jikkorrispondu mad-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 5 tal-KEDB, u, skond l-Artikolu 52(3) tal-Karta, għandhom l-istess sens u ambitu. Għaldaqstant, il-limitazzjonijiet li b'mod leġittimu jistgħu jiġu imposti fuqhom ma jistgħux jeċċedu dawk permessi mill-KEDB, fil-kliem ta' l-Artikolu 5:
`1. Kulħadd għandu d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà tal-persuna. Ħadd ma għandu jiġi ipprivat mil-libertà tiegħu ħlief fil-każijiet li ġejjin u skond il-proċedura preskritta bil-liġi:
a) id-detenzjoni skond il-liġi ta' persuna wara li tinsab ħatja minn qorti kompetenti;
b) l-arrest jew id-detenzjoni skond il-liġi ta' persuna għal nuqqas ta' tħaris ta' ordni skond il-liġi ta' qorti jew sabiex jiġi żgurat it-twettiq ta' xi obbligu preskritt mil-liġi;
ċ) l-arrest jew detenzjoni skond il-liġi ta' persuna effettwata sabiex tiġi miġjuba quddiem l-awtorità legali kompetenti fuq suspett raġonevoli li tkun ikommettiet reat jew meta jkun meqjus raġonevolment meħtieġ biex jiġi evitat li tikkommetti reat jew li taħrab wara li tkun għamlet reat;
d) id-detenzjoni ta' minuri b'ordni skond il-liġi għall-iskop ta' sorveljanza edukattiva jew id-detenzjoni tiegħu skond il-liġi sabiex jiġi miġjub quddiem l-awtorità legali kompetenti;
e) id-detenzjoni skond il-liġi ta' persuni biex jiġi evitat it-tixrid ta' mard infettiv, ta' persuni mhux f'sensihom, addetti għall-alkohol jew għad-drogi jew vagabondi;
f) l-arrest jew id-detenzjoni skond il-liġi ta' persuna biex jiġi evitat li tidħol mingħajr awtorità fil-pajjiż jew ta' persuna li kontra tagħha tkun qed issir kawża għad-deportazzjoni jew għall-estradizzjoni.
2. Kull min ikun arrestat għandu jiġi nfurmat minnufih, f'lingwa li jifhem, dwar ir-raġunijiet ta' l-arrest tiegħu u dwar kull akkuża kontra tiegħu.
3. Kull min ikun arrestat jew detenut skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (1) (ċ) ta' dan l-Artikolu għandu jinġieb minnufih quddiem imħallef jew funzjonarju ieħor awtorizzat b'liġi biex jeżerċita setgħa ġudizzjarja u jkollu dritt għal proċeduri fi żmien raġonevoli jew għal ħelsien waqt pendenza tal-proċeduri. Il-ħelsien jista' jkun taħt kundizzjoni ta' garanziji biex jidher għall-proċeduri.
4. Kull min ikun ipprivat mil-libertà tiegħu b'arrest jew detenzjoni jkollu dritt li jagħmel proċeduri biex il-legalità tad-detenzjoni tiegħu tiġi deċiża malajr minn qorti u l-libertà tiegħu tiġi ordnata jekk id-detenzjoni ma tkunx skond il-liġi.
5. Kull min ikun vittma ta' arrest jew detenzjoni bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu jkollu dritt esegwibbli għal kumpens.`
Id-drittijiet miktuba fl-Artikolu 6 għandhom jiġu rrispettati speċjalment meta l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw atti leġislattivi fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, abbażi ta' l-Artikoli 82, 83, u 85 tat-Trattat dwar il-funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari sabiex jiġu ddefiniti dispożizzjonijiet minimi komuni fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta' reati u pieni u ċerti aspetti tal-liġi proċedurali.