L-ewwel paragrafu ta' dan l-Artikolu ġie bbażat fuq l-Artikoli 2 u 3(2) tat-Trattat KE, issa ssostitwiti bl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, li jimponu fuq l-Unjoni Ewropea l-objettiv li tiġi promossa l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u l-Artikolu 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea. Huwa ispirat mill-Artikolu 20 tal-Karta Soċjali Ewropea riveduta, tat- 3 ta' Mejju 1996, u mill-punt 16 tal-Karta Komunitarja dwar id-drittijiet tal-ħaddiema.
Hu wkoll ibbażat fuq l-Artikolu 157(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, u fuq l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għall-impjiegi, it-taħriġ professjonali, il-promozzjoni, u l-kondizzjonijiet tax-xogħol.
It-tieni subparagrafu huwa ispirat, f'forma iqsar, mill-Artikolu 157(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea li jipprevedi li l-prinċipju ta' trattament ugwali ma għandux jipprevjeni ż-żamma jew l-adozzjoni ta' miżuri li jipprevedu għal vantaġgi speċifiċi sabiex ikun iktar faċli għas-sess l-inqas irrappreżentat li jwettaq attività professjonali jew sabiex jipprevjeni l-iżvantaġġi fil-karriera professjonali jew jikkumpensa għalihom. F'konformità ma' l-Artikolu 52 (2) it-tieni subparagrafu ma jemendax l-Artikolu 157(4).