Introduzzjoni għall-FRA
X’nagħmlu
1) Stħarriġ fuq skala kbira
- L-ewwel stħarriġ madwar l-UE kollha dwar l-esperjenzi ta’ diskriminazzjoni u ta’ vittimizzazzjoni ta’ immigranti u ta’ minoranzi etniċi (EU- MIDIS): 23,500 persuna minn gruppi ta' immigranti u ta’ minoranza etnika
- L-akbar stħarriġ li qatt sar dwar vjolenza sessista kontra n-nisa fl-Istati Membri kollha tal-UE: 42,000 mara
- L-akbar stħarriġ li qatt sar madwar l-UE kollha dwar reati ta’ mibegħda u diskriminazzjoni kontra persuni leżbjani, omosesswali, bisesswali u transġeneri: 93,000 persuna LGBT
- Stħarriġ biex juri l-kundizzjonijiet ta’ għajxien u s-sitwazzjoni ta’ diskriminazzjoni fost ir-Rom: 85,000 persuna
- Stħarriġ dwar l-anti-semitiżmu: 6,000 persuna Lhudija
2) Riċerka legali jew soċjali komparattiva
- Servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi fl-UE: ħarsa ġenerali u valutazzjoni tad-drittijiet tal-vittmi fil-prattika
- Reati ta’ mibegħda fl-Unjoni Ewropea
- Rimedji għall-protezzjoni tad-dejta
- Aċċess għall-ġustizzja
- Tfal u ġustizzja
- Drittijiet fundamentali ta’ migranti irregolari fl-UE
- Drittijiet fundamentali ta’ persuni b’diżabilitajiet intellettwali u ta’ persuni bi problemi ta’ saħħa mentali
- Parteċipazzjoni politika ta’ persuni b’diżabilitajiet
3) Manwali għall-prattikanti legali
Dawn il-manwali jippreżentaw il-leġiżlazzjoni u l-każistika tal-UE b’mod aċċessibbli. Il-FRA kopriet it-temi li ġejjin:
- l-ażil, il-fruntieri u l-immigrazzjoni;
- il-protezzjoni tad-dejta;
- in-nondiskriminazzjoni.
Barra minn hekk l-FRA torganizza Konferenza annwali dwar id-Drittijiet Fundamentali. Il-konferenza tlaqqa’ flimkien 300–400 parti interessata ewlenin, li jvarjaw minn istituzzjonijiet tal-UE sa istituzzjonijiet nazzjonali u lokali, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u prattikanti, biex jiddiskutu kwistjonijiet speċifiċi. Pereżempju: id-drittijiet fundamentali u l-migrazzjoni lejn l-UE (2014); ir-reati ta’ mibegħda (2013); l-aċċess għall-ġustizzja fi żminijiet ta’ awsterità (2012); id-drittijiet fundamentali ta’ migranti irregolari (2011); u d-drittijiet tat-tfal (2010).
Ma' min naħdmu
Il-FRA żżomm rabtiet mill-qrib ma’ istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet rilevanti fil-livelli kollha:
- il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea u l-aġenziji tal-UE;
- l-awtoritajiet governattivi nazzjonali, b'mod partikolari permezz tan-netwerk tagħha ta’ Uffiċjali Nazzjonali ta’ Kollegament, li jaġixxu bħala punti prinċipali ta’ kuntatt għall-FRA fl-Istati Membri, u permezz ta’ gruppi ta’ ħidma tematiċi dwar ir-Rom u dwar ir-reati ta’ mibegħda li jlaqqgħu flimkien rappreżentanti tal-Istati Membri biex jiżviluppaw prattiki tajbin għall-implimentazzjoni fuq livell nazzjonali;
- organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-Kunsill tal-Ewropa, in-Nazzjonijiet Uniti u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE);
- organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, istituzzjonijiet akkademiċi, korpi dwar l-ugwaljanza u istituzzjonijiet nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem.
L-FRA torganizza laqgħat iżgħar ma’ esperti governattivi u ma’ partijiet interessati oħra biex tappoġġja s-segwitu tar-riżultati tar-riċerka tagħha. Dawn il-laqgħat jiġbru flimkien l-għarfien u jenfasizzaw prattiki tajbin li jistgħu jgħinu biex jiġu indirizzati sfidi speċifiċi għad-drittijiet fundamentali.
L-FRA tipparteċipa fi djalogu strutturat mas-soċjetà ċivili permezz tal-Pjattaforma tad-Drittijiet Fundamentali (FRP). L-FRP hija l-mezz kif l-aġenzija tikkoopera u tiskambja informazzjoni ma’ kważi 400 organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, li jaħdmu fuq diversi kwistjonijiet dwar id-drittijiet fundamentali madwar l-UE. Il-pjattaforma tlaqqa' flimkien grupp differenti ta’ atturi fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali. Hija forum uniku li jippermetti li jsir dibattitu tassew Ewropew dwar id-drittijiet fundamentali. Il-pjattaforma tiltaqa' darba fis-sena.
Fuq xiex naħdmu
Qafas Pluriennali ta’ ħames snin jiddefinixxi d-disa’ oqsma tematiċi tal-ħidma tal-FRA:
- l-aċċess għall-ġustizzja;
- il-vittmi tal-kriminalità, inkluż kumpens lill-vittmi;
- is-soċjetà tal-informazzjoni u, b’mod partikolari, ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni ta’ dejta personali;
- l-integrazzjoni tar-Rom;
- il-kooperazzjoni ġudizzjarja, ħlief fi kwistjonijiet kriminali;
- id-drittijiet tat-tfal;
- id-diskriminazzjoni;
- l-immigrazzjoni u l-integrazzjoni tal-migranti, il-viżi u l-kontroll tal-fruntieri, u l-ażil;
- ir-razziżmu, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata.
Dawn l-oqsma jiffurmaw il-qafas tad-diversi proġetti tal-Aġenzija.
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea jistgħu jitolbu riċerka jew opinjoni dwar tema speċifika barra mill-programm ta’ ħidma tal-aġenzija, inkluż matul proċeduri leġiżlattivi. L-Istati Membri jistgħu jitolbu dejta u informazzjoni komparattiva mill-FRA biex jiġu infurmati l-iżviluppi politiċi nazzjonali.
Kif tiġi valutata l-ħidma tal-FRA
Ħafna drabi l-istituzzjonijiet tal-UE u nazzjonali jirreferu għad-dejta, għall-opinjonijiet u għar-rapporti tal-FRA; pereżempju:
- Ir-Rapport Annwali tal-Parlament Ewropew dwar id-Drittijiet Fundamentali u diversi riżoluzzjonijiet parlamentari dwar kwistjonijiet differenti ta’ drittijiet fundamentali;
- Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE dwar il-ġlieda kontra r-reati ta’ mibegħda u l-vjolenza kontra n-nisa;
- Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-integrazzjoni tar-Rom u l-istrateġija tagħha kontra t-traffikar;
- Ir-rapport tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar ir-razziżmu;
- Diskussjonijiet Parlamentari fi 11-il Stat Membru
"Ir-rapporti li jipprovdu dejta komparattiva u affidabbli li tkopri l-Istati Membri kollha huma ferm apprezzati mill-istituzzjonijiet tal-UE. Dawn it-tipi ta’ rapporti jqabblu s-sitwazzjoni fattwali fi Stati Membri differenti u jappoġġjaw it-tfassil tal-politika fil-livell tal-UE."
(Valutazzjoni indipendenti esterna tal-FRA tal-2012)
Min aħna
Id-Direttur tal-FRA jiggwida u jmexxi lill-aġenzija. Il-Bord Maniġerjali huwa responsabbli għad-definizzjoni tal-programm ta’ ħidma tal-aġenzija, japprova l-baġit tagħha u jissorvelja l-ħidma tagħha. Il-Bord huwa magħmul minn esperti indipendenti, wieħed maħtur minn kull Stat Membru, żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea u espert indipendenti maħtur mill-Kunsill tal-Ewropa. L-aġenzija għandha wkoll Kumitat Xjentifiku ta’ esperti esterni, li jiggarantixxi l-kwalità tal-ħidma tagħha.
Fatti dwar il-FRA
- Direttur: Michael O’Flaherty
- Imwaqqfa: 2007
- Post: Vjenna, l-Awstrija
- Persunal: 105 flimkien ma’ esperti nazzjonali sekondati u apprendisti
- Baġit: €21.2m
L-FRA tiswa lill-kull kontribwent Ewropew €0.04 fis-sena.
73% tal-baġit jintefaq fuq attivitajiet operattivi.
Ċaħda:
Fil-każ ta’ kwistjonijiet rigward din it-traduzzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta l-verżjoni bl-Ingliż, li hija l-verżjoni oriġinali u uffiċjali tad-dokument.
It-traduzzjoni mhijiex verifikata